1
2
3
4
5
6
7
8
9
10
11
12
13
14
15
16
17
18
19
20
21
22
23
24
25
26
27
28
29
30
31
32
33
34
35
36
37
38
39
40
41
42
43
44
45
46
47
48
49
50
51
52
53
54
55
56
57
58
59
60
61
62
63
64
65
66
67
68
69
70
71
72
73
74
75
76
77
78
79
80
81
82
83
84
85
86
87
88
89
90
91
92
93
94
95
96
97
98
99
100
101
102
103
104
105
106
107
108
109
110
111
112
113
114
115
116
117
118
119
120
121
122
123
124
125
126
127
128
129
130
131
132
133
134
135
136
137
138
139
140
141
142
143
144
145
146
147
148
149
150
|
L-ISTQARRIJA UNIVERSALI DWAR IL-JEDDIJIET TAL-BNIEDEM
Kwalunkwe referenza għall-maskil, f’din l-Istqarrija qed tirreferi wkoll għall-femminil.
DAĦLA
Billi l-għarfien tad-dinjità proprja tal-membri kollha tal-familja umana u tad-drittijiet tagħhom ugwali li ma jistgħux jitteħdulhom hu s-sies tal-ħelsien, tal-ħaqq u tal-paċi fid-dinja,
Billi t-tkasbir u ż-żebliħ tal-jeddijiet tal-bniedem ġabu magħhom għemejjel kiefra li weġġgħu l-kuxjenza tal-umanità, u l-miġja ta’ dinja fejn il-bnedmin ikunu ħielsa li jitkellmu u jemmnu, meħlusa mill-biża’ u mill-miżerja, kienet proklamata bħala l-ogħla xewqa tal-bniedem,
Billi hu essenzjali li l-jeddijiet tal-bniedem ikunu mħarsa bil-ħakma tal-liġi biex il-bniedem ma jkunx imġiegħel, fl-aħħar mill-aħħar, li jqum kontra t-tirannija u l-moħqrija,
Billi hu essenzjali li jkun imħeġġeġ l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ta’ ħbieb bejn il-ġnus,
Billi fl-Istatut il-popli tal-Ġnus Magħquda xandru mill-ġdid il-fidi tagħhom fil-jeddijiet fondamentali tal-bniedem, fid-dinjità u s-siwi tal-persuna umana, fil-jeddijiet ugwali tar-rġiel u tan-nisa, u qatgħuha li jġibu ’l quddiem il-progress soċjali u joħolqu kondizzjonijiet aħjar tal-ħajja f’libertà akbar,
Billi l-Istati Membri wiegħdu biex, flimken mal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, jiżguraw ir-rispett universali u effettiv tal-jeddijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fondamentali,
Billi fehma komuni ta’ dawn il-jeddijiet u l-libertajiet hi tal-akbar importanza għat-twettiq sħiħ ta’ din il-wegħda,
Għaldaqstant, l-ASSEMBLEA ĠENERALI xxandar DIN L-ISTQARRIJA UNIVERALI DWAR IL-JEDDIJIET TAL-BNIEDEM bħala għan komuni biex jintlaħaq mill-popli u mill-ġnus kollha, ħalli kull bniedem u kull organu tas-soċjetà, billi jżommu dejjem quddiemhom din l-istqarrija, iħabirku biex bit-tagħlim u bl-edukazzjoni jġibu ’l quddiem ir-rispett għal dawn il-jeddijiet u l-libertajiet u biex jiżgurawlhom, b’miżuri progressivi nazzjonali u internazzjonali, l-għarfien u l-ħarsien universali u effettiv, kemm fost il-popli tal-Istati Membri nfushom, kif ukoll fost dawk tal-artijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.
L-Artiklu 1.
Il-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u d-drittijiet. Huma mogħnija bir-raġuni u bil-kuxjenza u għandhom iġibu ruħhom ma’ xulxin bi spirtu ta’ aħwa.
L-Artiklu 2.
Kulħadd hu intitolat għal dawn il-jeddijiet u l-libertajiet imxandra f’din l-Istqarrija, bla ebda għażla, bħal ta’ razza, lewn, sess, ilsien, reliġjon, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, proprjetà, twelid jew kull qagħda oħra.
Mhux biss, iżda l-ebda għażla m’għandha ssir fuq bażi tal-qagħda politika, ġuridika jew internazzjonali tal-pajjiż jew territorju li minnu tiġi l-persuna, kemm jekk tkun indipendenti, kemm jekk tkun fdata lil xi pajjiż ieħor, kemm jekk ma jkollhiex gvern tagħha kif ukoll jekk ikollha xi limiti oħra fis-sovranità tagħha.
L-Artiklu 3.
Kull bniedem għandu l-jedd għall-ħajja, għall-ħelsien u għas-sigurtà tal-persuna tiegħu.
L-Artiklu 4.
Ħadd m’għandu jinżamm ilsir jew fi stat li jixbah lil dak ta’ lsir. L-iskjavitù u n-negozju tal-ilsiera fl-għamliet kollha tagħhom m’għandhomx jitħallew isiru.
L-Artiklu 5.
Ħadd m’għandu jingħata tortura jew kastig jew trattament aħrax, li ma jixraqx lill-bniedem jew li jbaxxih.
L-Artiklu 6.
Kulħadd għandu l-jedd li jintgħaraf kullimkien bħala persuna quddiem il-liġi.
L-Artiklu 7.
Kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi u għandu l-jedd, bla ebda għażla, għal protezzjoni ugwali mil-liġi. Kulħadd għandu l-jedd għal protezzjoni ndaqs kontra kull għażla li tikser din l-Istqarrija u kontra kull provokazzjoni għal għażla bħal din.
L-Artiklu 8.
Kulħadd għandu l-jedd quddiem it-tribunali nazzjonali kompetenti għal rimedji effettivi kontra l-ksur tal-jeddijiet fondamentali li lilu huma magħrufa mill-kostituzzjoni jew mil-liġi.
L-Artiklu 9.
Ħadd m’għandu jitħalla jkun imħarrek, miżmum il-ħabs jew itturufnat għalxejn b’xejn.
L-Artiklu 10.
Kulħadd għandu l-jedd b’ugwaljanza sħiħa li jkun mismugħ bil-ħaqq u fil-pubbliku minn tribunal indipendenti u imparzjali, li jiddeċiedi l-jeddijiet u d-dmirijiet tiegħu jew xi akkuża kriminali kontrieh.
L-Artiklu 11.
1. Kull min hu mixli bi ħtija li jistħoqqilha kastig għandu l-jedd li jkun meqjus bla ħtija sakemm il-ħtija tiegħu tkun pprovata skont il-liġi fi proċess pubbliku li fih ikollu l-garanziji kollha meħtieġa biex jiddefendi ruħu.
2. Ħadd m’għandu jkun ikkundannat minħabba għemil jew tħollija ta’ għemil, li fiż-żmien meta twettqu ma kinux ħtijiet li jistħoqqilhom kastig skont il-liġi nazzjonali jew internazzjonali. Lanqas m’għandu jingħata kastig ikbar minn dak li kien jingħata meta twettqet il-ħtija.
L-Artiklu 12.
Ħadd m’għandu jkollu għalxejn b’xejn indħil fil-ħajja privata tiegħu, fil-familja tiegħu, f’daru jew fl-ittri tiegħu, u lanqas m’għandu jbati minn attakki fuq l-unur u l-fama tiegħu. Kulħadd għandu l-jedd għall-protezzjoni mil-liġi kontra kull indħil jew attakki bħal dawn.
L-Artiklu 13.
1. Kulħadd għandu l-jedd li jmur bil-libertà minn imkien għal ieħor u li jagħżel fejn joqgħod ’il ġewwa mill-fruntieri ta’ kull Stat.
2. Kulħadd għandu l-jedd li jħalli pajjiż, ukoll dak tiegħu, u li jerġa’ lura fih.
L-Artiklu 14.
1. Kulħadd għandu l-jedd li jfittex u jgawdi f’pajjiżi oħra l-kenn mill-persekuzzjoni.
2. Dan il-jedd ma jistax jintuża fil-każ ta’ persekuzzjonijiet fondati tassew fuq ħtija kontra l-liġi komuni jew fuq għemejjel kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Ġnus Magħquda.
L-Artiklu 15.
1. Kulħadd għandu l-jedd għan-nazzjonalità.
2. Ħadd m’għandu jkun imċaħħad għalxejn b’xejn min-nazzjonalità tiegħu, lanqas mid-dritt li jbiddilha.
L-Artiklu 16.
1. L-irġiel u n-nisa li għandom l-età tagħhom taż-żwieġ, għandhom il-jedd jiżżewġu u jwaqqfu familja mingħajr xkiel minħabba r-razza, in-nazzjonalità jew ir-reliġjon tagħhom. Huma għandhom jeddijiet indaqs għaż-żwieġ, matul iż-żwieġ u meta dan jinħall.
2. Iż-żwieġ m’għandux isir mingħajr il-ftehim ħieles u sħiħ taż-żewġ għarajjes.
3. Il-familja hi l-element naturali u fondamentali tas-soċjetà u għandha l-jedd għall-protezzjoni mis-soċjetà u mill-Istat.
L-Artiklu 17.
1. Kulħadd għandu l-jedd għall-proprjetà, kemm tiegħu waħdu kif ukoll bi sħab m’oħrajn.
2. Ħadd m’għandu għalxejn b’xejn ikun imċaħħad minn ġidu.
L-Artiklu 18.
Kulħadd għandu l-jedd għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan il-jedd iħaddan il-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew il-konvinzjoni tiegħu u li jkun ħieles, kemm waħdu jew m’oħrajn, fil-beraħ jew fil-privat, jistqarr ir-reliġjon jew il-konvinzjoni tiegħu fit-tagħlim, fl-għemejjel, fil-qima u fil-ħarsien tiegħu.
L-Artiklu 19.
Kulħadd għandu l-jedd għal-libertà li jżomm l-opinjoni tiegħu u li jfissirha; dan iħaddan il-jedd li wieħed iżomm opinjonijiet mingħajr indħil u li jkun jista’ jfittex jirċievi u jgħaddi tagħrif u ideat bil-mezzi li jidhirlu, irrispettivament mill-fruntieri.
L-Artiklu 20.
1. Kulħadd għandu l-jedd għal-libertà li jiltaqa’ u jissieħeb ma’ oħrajn fil-paċi.
2. Ħadd m’għandu jkun imġiegħel li jissieħeb f’xi għaqda.
L-Artiklu 21.
1. Kulħadd għandu l-jedd li jieħu sehem fil-gvern ta’ pajjiżu, direttament jew permezz ta’ rappreżentanti magħżula bil-libertà.
2. Kulħadd għandu l-jedd ugwali li jidħol għas-servizzi pubbliċi ta’ pajjiżu.
3. Ir-rieda tal-poplu għandha tkun is-sies tal-awtorità tal-gvern; din ir-rieda għandha tintwera f’elezzjonijiet ġenwini li għandhom isiru minn żmien għal żmien li fihom jivvota kulħadd b’vot indaqs u sigriet jew inkella skont proċeduri bħalhom li jiżguraw il-libertà tal-vot.
L-Artiklu 22.
Kulħadd, bħala membru tas-soċjetà, għandu l-jedd għas-sigurtà soċjali u għandu l-jedd li jissodisfa, permezz tal-isforz nazzjonali u l-koperazzjoni internazzjonali u skont l-organizzazzjoni u r-riżorsi ta’ kull Stat, il-jeddijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali li mingħajrhom ma jistax iżomm id-dinjità tiegħu u jiżviluppa bil-libertà l-personalità tiegħu.
L-Artiklu 23.
1. Kulħadd għandu l-jedd għax-xoghol, għall-għażla ħielsa tal-impjieg, għal kondizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u favorevoli u għall-protezzjoni mill-qgħad.
2. Kulħadd, bla ebda għażla, għandu l-jedd għal ħlas indaqs għal xoghol indaqs.
3. Kull min jaħdem għandu l-jedd għal ħlas ġust u favorevoli li jiżgura lilu u lill-familja tiegħu għajxien li jixraq lid-dinjità umana, u li jkun miżjud, jekk jeħtieġ, minn kull mezz ieħor ta’ protezzjoni soċjali.
4. Kulħadd għandu l-jedd jifforma trade unions u jissieħeb fihom għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu.
L-Artiklu 24.
Kulħadd għandu l-jedd għall-mistrieħ u għall-btajjel, kif ukoll għal limitazzjoni ta’ ħin raġjonevoli ta’ xogħol u għal vaganzi perjodiċi mħallsin.
L-Artiklu 25.
1. Kulħadd għandu l-jedd għal livell ta’ ħajja suffiċjenti biex jiżguralu saħħtu, għajxien tajjeb għalih u għall-familja tiegħu, speċjalment f’dak li hu ikel, ilbies, dar, kura medika kif ukoll servizzi soċjali meħtieġa; għandu wkoll il-jedd għas-sigurtà f’każ ta’ qgħad, mard, mankament, irmulija, xjuħija u fil-każi l-oħra meta minħabba ċirkostanzi li ma jkollux kontroll fuqhom jitlef il-mezzi tal-għajxien.
2. L-ommijiet u t-tfal għandhom il-jedd għall-kura u għal għajnuna speċjali. It-tfal kollha, kemm jekk twieldu fiż-żwieġ u kemm barra minnu, għandhom igawdu l-istess protezzjoni speċjali.
L-Artiklu 26.
1. Kulħadd għandu l-jedd għall-edukazzjoni. L-edukazzjoni għandha tkun b’xejn, għall-inqas fil-gradi elementari u fondamentali tagħha. L-edukazzjoni elementari għandha tkun obbligatorja. L-edukazzjoni teknika u professjonali għandu jkun jista’ jagħmel użu minnha kulħadd; l-edukazzjoni universitarja għandha tkun miftuħa b’mod ugwali għal dawk kollha li jistħoqqilhom.
2. L-edukazzjoni għandu jkollha bħala għan l-iżvilupp sħiħ tal-personalità umana u li ssaħħaħ ir-rispett għall-jeddijiet u għal-libertajiet fondamentali tal-bniedem. Għandha tħeġġeġ il-ftehim, it-tolleranza u l-ħbiberija fost in-nazzjonijiet, ir-razez jew il-gruppi reliġjużi kolha u għandha tmexxi ’l quddiem il-ħidmiet tal-Ġnus Magħquda għaż-żamma tal-paċi.
3. Il-ġenituri għandhom l-ewwel jedd li jagħżlu l-għamla ta’ edukazzjoni li tingħata ’l uliedhom.
L-Artiklu 27.
1. Kulħadd għandu l-jedd li jieħu sehem bil-libertà fil-ħajja kulturali tal-komunità, li jgawdi l-arti u li jaqsam fil-progress xjentifiku u fil-ġid li jġib miegħu dan il-jedd.
2. Kulħadd għandu l-jedd li jkollu l-protezzjoni għall-interessi morali u materjali tiegħu meta jkun l-awtur ta’ produzzjoni xjentifika, letterarja jew artistika.
L-Artiklu 28.
Kulħadd hu intitolat għal ordni soċjali u internazzjonali li fih il-jeddijiet u l-libertajiet imxandra f’din l-Istqarrija jkunu jistgħu jitwettqu tassew.
L-Artiklu 29.
1. Kulħadd għandu dmirijiet lejn il-komunità li fiha biss jista’ jwettaq l-iżvilupp ħieles u sħiħ tal-personalità tiegħu.
2. Fit-tħaddim tal-jeddijiet u tal-libertajiet tiegħu, kull wieħed għandu jkollu biss dawk il-limitazzjonijiet li jiġu mil-liġi, li għandha biss bħala għan li tiżgura l-għarfien u r-rispett għall-jeddijiet u l-libertajiet tal-oħrajn u li tissodisfa dak li ġustament jitolbu l-morali, l-ordni pubbliku u l-ġid komuni f’soċjetà demokratika.
3. Dawn il-jeddijiet u l-libertajiet ma jistgħu fl-ebda każ jitħaddmu kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Ġnus Magħquda.
L-Artiklu 30.
Xejn f’din l-Istqarrija ma jista’ jkun mifhum li jagħti lil xi Stat, għaqda jew persuna l-jedd li tagħmel xi ħidma jew li twettaq xi għemil bil-għan li teqred xi jeddijiet jew libertajiet li huma mxandra hawnhekk.
|